Skip to main content
TAXEDU

It-taxxa

 

Definizzjoni u tipi

It-taxxi jieħdu diversi forom, iżda kollha jikkorrispondu għall-flus miġbura mill-gvern. Dawn il-flus imbagħad jintużaw biex jiffinanzjaw faċilitajiet jew servizzi speċifiċi bħal sptarijiet, skejjel, mużewijiet, libreriji, eċċ. L-aktar taxxi individwali komuni huma:
  • it-taxxa fuq l-introjtu: dan huwa perċentwal tal-qligħ individwali mogħti lill-gvern;
  • it-taxxa fuq il-konsum: huwa l-VAT (Taxxa fuq il-Valur Miżjud) u d-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, l-alkoħol, prodotti tal-enerġija u xi oġġetti speċifiċi, bħall-kafè fil-Ġermanja;
  • it-taxxa fuq il-proprjetà: hija bbażata fuq il-valur tal-assi tal-art u tal-proprjetà;
  • it-tariffi/dazji doganali: taxxa fuq oġġetti importati maħsuba biex jappoġġaw lin-negozji nazzjonali;
  • is-sisa: taxxa indiretta fuq il-bejgħ ta' oġġetti partikolari;
  • it-taxxa ambjentali huwa kost addizzjonali miżjud mal-prezz tal-użu ta' prodotti jew attivitajiet niġġiesa, li jiskoraġġixxi l-konsum u l-produzzjoni tagħhom;
  • il-gwadanji kapitali (tip ta' taxxa imposta fuq il-gwadanji kapitali, profitti li jibbenefikaw minnhom l-investituri meta persuna tbigħ assi kapitali għal prezz li huwa ogħla mill-prezz tax-xiri);
  • it-taxxa fuq il-wirt: hija taxxa mħallsa fuq il-flus jew il-proprjetà li persuna tiret minn persuna oħra wara li t-tieni persuna tmut.
It-taxxa miġbura tmur direttament fil-baġit nazzjonali, filwaqt li tariffi u dazji doganali huma miġbura b'mod nazzjonali iżda jmorru fil-baġit tal-UE.

Jien se nibda l-
università ...

  •  
  •  
  •  

Jien għandi l-
ewwel xogħol tiegħi ...

  •  
  •  
  •  

Jien qed nistabbilixxi
negozju ...

  •  
  •  
  •  
 
Bħala ċittadin/a tal-UE, inti intitolat/a biex tistudja fi kwalunkwe università tal-UE (dment li tissodisfa r-rekwiżiti tad-dħul tagħha). Jekk ikollokx tħallas miżata tal-istudenti jiddependi safejn l-università tkun iffinanzjata mill-flus tal-kontribwenti f'dak il-pajjiż. Pereżempju, l-attendenza fl-università fl-Iskozja hija b'xejn, filwaqt li fl-Italja, trid tħallas (u kull università tistabbilixxi l-ammont).
 
Skopri dwar is-sistema ta' kull pajjiż hawnhekk.
 
Sibt ix-xogħol tal-ħolm tiegħek? Prosit! Kif probabbilment taf, li tibda taħdem ifisser ukoll li tibda tħallas it-taxxa fuq l-introjtu, abbażi tad-dħul tiegħek.

Il-pajjiż fejn inti resident għal skopijiet ta' taxxa jista' jintaxxa l-introjtu globali totali tiegħek, li qlajt jew li ma qlajtx. Dan jinkludi l-pagi, il-pensjonijiet, il-benefiċċji, id-dħul mill-proprjetà jew minn kwalunkwe sorsi oħra, jew gwadanji kapitali mill-bejgħ ta' proprjetà.

Kull pajjiż għandu d-definizzjoni tiegħu ta' residenza tat-taxxa:
Normalment se tiġi meqjus resident tat-taxxa fil-pajjiż fejn tqatta' aktar minn sitt xhur fis-sena;
Jekk tqatta' inqas minn sitt xhur f'sena f'pajjiż ieħor tal-UE, normalment tibqa' resident tat-taxxa fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek.
 
Skopri hawn kif taħdem it-taxxa fuq l-introjtu, jekk tqatta' żmien f'aktar minn pajjiż tal-UE wieħed.
 
Prosit! L-Ewropa għandha bżonn aktar imprendituri! L-istabbiliment ta' kumpanija fl-UE issa huwa aktar faċli milli qatt kien. Għandek bżonn biss tħares lejn l-obbligi tat-taxxa – bħat-talba għal numru tal-VAT, pereżempju.

 

 

 

Il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

 
 
Meta persuna jew kumpanija ma tħallasx it-taxxa dovuta b'mod intenzjonat, dawn il-flus jintilfu mill-baġits pubbliċi. Dan jiġri meta individwu jew negozju:
 

intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza f'dikjarazzjoni tat-taxxa, jew iħallas inqas mill-ammont sħiħ;

 

jaħżen il-flus f'kontijiet bankarji barranin mingħajr ma jirrapporta dwarhom jew iħallas taxxi fuqhom;

 

iwettaq "ippjanar aggressiv tat-taxxa" billi jisfrutta l-limiti tal-liġi biex inaqqas il-kontijiet tat-taxxa.

X'inhuma l-konsegwenzi?

Il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jillimitaw il-kapaċità li pajjiż jiġbor il-flus u jimplimenta politiki ekonomiċi u soċjali. Dan jista' jfisser tnaqqis fil-finanzjament għal servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni.

Il-gvern tiegħi u l-UE
min jagħmel xiex?

Ir-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa hija tal-pajjiżi individwali. Madankollu, f'dinja dejjem aktar globalizzata, l-UE tipprovdi qafas u appoġġ biex jiġu indirizzati kwistjonijiet transfruntiera tat-taxxa. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, pereżempju.

Skopri kif l-UE tiġġieled kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

"Frodi tat-Taxxa u Evażjoni tat-Taxxa: Il-parti nieqsa": ara l-vidjo.

 

 

 

Il-kontrafazzjoni

 
Tgħallem kif tevita li tixtri prodotti foloz

Id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) jiżguraw li l-isforzi kreattivi u inventivi huma ppremjati u li investimenti fi prodotti ġodda u aktar effiċjenti jiġu mħeġġa. Dawn jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien tal-lum.

 

Il-ksur tad-DPI huwa dannuż minħabba li jnaqqas id-dħul tan-negozji u tal-gvern, joħnoq l-investiment u l-innovazzjoni u jxekkel it-tkabbir ekonomiku. Dawn jirriżultaw f'telf tal-impjieg u f'nuqqas ta' ħolqien ta' ġid (Prodott Domestiku Gross jew PDG). Barra minn hekk, oġġetti li jiksru d-DPI għandhom ir-riskju li jkunu ta' dannu għall-konsumaturi, minħabba li huma inqas probabbli li jikkonformaw mal-istandards tas-saħħa u s-sikurezza.

Gwida online biex tidentifika l-oġġetti foloz..

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE huma minn ta' quddiem biex jipprevjenu li oġġetti li jiksru d-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) jidħlu fis-suq tal-UE. Skopri aktar dwar il-qafas leġiżlattiv tal-UE.

"Il-prezz reali tal-oġġetti foloz": ara l-vidjo.

 

 

NGOs,
fondazzjonijiet,
donazzjonijiet għall-karità
 

F'xi pajjiżi, meta tagħti flus lil organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), fondazzjonijiet jew organizzazzjonijiet għall-karità – minn dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka medika sa dawk li jagħmlu l-manutenzjoni fuq bini ta' patrimonju – tista' tikseb ħelsien mit-taxxa.

 

Il-Belġju u r-Rumanija huma fost il-pajjiżi fejn tista' ssemmi donazzjonijiet ta' karità fuq id-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħek fi tmiem is-sena. Xi ftit minn dak li tagħti jiġi rimborżat lilek (dment li tkun tajt donazzjoni lil karità rreġistrata).

Fatti u ċifri minn madwar l-UE

  • Fl-2015, id-dħul mit-taxxa (inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali) fit-28 pajjiż tal-UE kien ta' 40 % tal-Prodott Domestiku Gross (il-valur monetarju tal-oġġetti u servizzi kompluti kollha prodotti fi ħdan il-konfini ta' pajjiż f'perjodu ta' żmien speċifiku), u ammonta għal madwar 89 % tad-dħul totali tal-gvern.
  • Fl-Ewropa l-proporzjon tad-dħul mit-taxxa għall-PDG fl-2015 kien l-ogħla fi Franza (47.9 % tal-PDG), fid-Danimarka (47.6 %) u fil-Belġju (47.5 %). L-inqas proporzjonijiet kienu fl-Irlanda (24.4 %), fir-Rumanija (28.0 %), fil-Bulgarija (29.0 %), fil-Litwanja (29.4 %), fil-Latvja (29.5 %) u fl-Iżvizzera (28.1 %). Sib ir-riżultati għall-pajjiżi tal-UE kollha hawn.
  • Id-dħul mit-taxxa jvarja minn sena għal oħra. Ir-raġunijiet ewlenin huma bidliet fl-attività ekonomika (livelli ta' impjieg, bejgħ ta' oġġetti u servizzi, eċċ.) u fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa (rati tat-taxxa, il-bażi għat-taxxa, limiti, eżenzjonijiet, eċċ.).
  • Il-kriżi ekonomika – flimkien ma' miżuri tal-politika fiskali – kellha impatt kbir fuq il-livell u l-kompożizzjoni tad-dħul mit-taxxa bejn l-2009-2015. Bosta pajjiżi għalhekk kellhom jintroduċu tnaqqis fl-infiq.
  • Tħallas it-taxxa meta tilgħab il-lotterija! Xi pajjiżi, bħall-Italja, għamlu taxxa fuq il-biljetti tal-lotterija.