għalfejn għandu jimpurtani
mit-taxxi?
Nixtieq inkun naf
min iħallas għall-parks
u għall-bandli
Introduzzjoni għat-taxxa
għall-iktar ċittadini ċkejkna tal-Ewropa
minn 9 snin sa 12-il sena
Dan Oliver.
Huwa għandu 11-il sena u jixtieq ikun jaf min iħallas għall-parks, għall-bandli, għall-għalliema, għall-isptarijiet - u aktar! Ommi qaltli li l-park huwa ta' kulħadd minħabba li huwa mħallas bil-flus mit-taxxi. Xi trid tfisser?
It-taxxa, x'inhi?
It-taxxa hija l-flus li jinġabru mill-gvern li mbagħad jerġgħu jingħataw lin-nies li jgħixu fl-istess belt jew pajjiż, jew biex jinbnew it-toroq, l-iskejjel, il-parks u postijiet li ma noqogħdux mingħajrhom. L-ammont li jinġabar jiddependi minn kemm għandhom flus in-nies.
It-taxxi huma flus imħallsa minn:
- - persuni li jaħdmu jew li jirċievu flus minn xi mkien ieħor: din tissejjaħ "taxxa fuq l-introjtu";
- - persuni li huma sidien ta' proprjetà: din tissejjaħ "taxxa fuq il-proprjetà";
- - negozji: din tissejjaħ "taxxa korporattiva";
- - attivitajiet li għandhom impatt fuq l-ambjent: din tissejjaħ "taxxa ambjentali";
- - il-flus jew l-affarijiet personali li jitħallew lilek wara li jmut xi ħadd: din tissejjaħ "taxxa fuq il-wirt";
- - persuni li jixtru prodotti jew servizzi: din tissejjaħ "Taxxa fuq il-Valur Miżjud" (VAT).
Kif jaffettwawli ħajti t-taxxi?
Mingħajr it-taxxa, ikun hemm ferm inqas flus biex jitħallsu dawn l-affarijiet.
Ikklikkja fuq l-attivitajiet t'hawn fuq biex tara kif ikkontribwew it-taxxi.
mużew
Aħseb dwar dawk il-pitturi sbieħ jew dawk il-mudelli tad-dinosawri kollha. Kif taħseb li l-mużew iħallas għalihom? Hemm tariffa għad-dħul, dik tgħin. Imma dik mhijiex biżżejjed! Il-bqija normalment jitħallas mit-taxxi.
skola
Meta tmur l-iskola, tuża materjal ipprovdut mill-għalliema u tilgħab fil-btieħi mibnija mill-iskola. It-tnejn huma possibbli minħabba t-taxxa.
tal-linja
It-trasport pubbliku bħal tal-linja, it-tramm, il-metro u l-ferroviji wkoll jitħallas bil-flus mit-taxxa.
korsija għaċ-ċiklisti
Il-persuni li jibnu l-korsiji għaċ-ċiklisti jitħallsu bil-flus miġbura bħala taxxi – l-istess japplika għat-tarmak u ż-żebgħa użata biex dawn isiru!
sptar
Kif jiġu mħallsa l-isptarijiet ivarja minn pajjiż għal ieħor. Iżda mill-bini tagħhom sal-ħlas tat-tobba u l-infermiera u x-xiri ta' tagħmir li jiswa l-flus għar-riċerka u t-trattament biex jiġu salvati l-ħajjiet – kważi dejjem jintużaw il-flus miġbura mit-taxxi.
Min iħallas it-taxxa?
B'mod ġenerali, it-taxxa titħallas minn persuni li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom.
Pereżempju, persuni li jaħdmu jagħtu ftit minn dak li jaqilgħu lill-gvern.
Jien inħallas taxxi?
Xtrajt xi logħob, ħelu jew rivisti dan l-aħħar? Mela ħallast it-taxxa!
It-"Taxxa fuq il-Valur Miżjud" hija miżjuda mal-prezz tal-biċċa l-kbira tal-prodotti u servizzi. L-ammont ta' taxxa tarah fuq l-irċevuta li jagħtuk meta tħallas.
X'jiġri jekk ma nħallasx it-taxxa?
Xi persuni jippruvaw ma jħallsux it-taxxa li għandhom jagħtu. Dan jissejjaħ ‘frodi’ u/jew ‘evażjoni’.
Immaġina kieku kull persuna fil-klassi tiegħek tintalab tieħu waħda mil-logħbiet favoriti tagħha l-iskola, biex it-tfal kollha jilagħbu biha. Jekk inti tagħti waħda mil-logħbiet tiegħek, iżda tfal oħra fil-klassi tiegħek ma jagħtu xejn, kieku x'taħseb?
Meta kulħadd iħallas it-taxxa, kulħadd jibbenefika.
Tixtieq ħajja mingħajr taxxa?
Li ma jkunx hemm taxxa jkun ifisser inqas sigurtà u kultura, inqas toroq, sptarijiet, skejjel, mużewijiet, libreriji pubbliċi u karozzi tal-linja, u inqas ilma nadif, eċċ.
Meta l-persuni jew in-negozji jippruvaw jaħbu flushom intenzjonalment biex jevitaw li jħallsu t-taxxi, dan jissejjaħ "frodi tat-taxxa".
Meta l-persuni jqarrqu bin-nies biex iħallsu inqas, dan jissejjaħ "evażjoni tat-taxxa".
Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea
L-UE għandha 27 pajjiż membru. Kull wieħed għandu storja, ġeografija u kultura differenti – u kull wieħed għandu l-arranġamenti tat-taxxa tiegħu.
Għalkemm huwa pajjiżek li jiġbor it-taxxa u jindirizza l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, l-UE tgħin biex tagħmilha aktar faċli ħalli l-pajjiżi jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni.
Ditti foloz
(kontrafazzjoni)
Oliver jixtieq jixtri żarbun ġdid... togħġbu b'mod partikolari d-ditta "Pike".
Għin lil Oliver jagħmel id-deċiżjoni t-tajba dwar fejn għandu jixtri ż-żarbun tiegħu.
Huwa jmur fil-ħanut tal-"Pike", iż-żarbun li jixtieq jixtri jiswa €55!
Ħabibtu, Zora, tgħidlu li taf dwar posta tas-suq fejn jista' jixtri żarbun li jidher kważi identiku għal €25!
X'għandu jagħmel Oliver?!
-Jixtri ż-żarbun mill-ħanut tal-"Pike"?
-Jisma' minn ħabibtu u jixtri ż-żarbun mingħand il-posta tas-suq li qaltlu biha Zora?
X'għandu jagħmel Oliver?!
-Jekk jixtri ż-żarbun minn posta tas-suq mhux magħrufa, Oliver mhux ċert li se jkollu żarbun "Pike" awtentiku, minħabba li l-prezz huwa estremament baxx. Ħaġa li ma titwemminx! U lanqas ma jista' jkun ċert li ż-żarbun se jżommlu saqajh sħan u xotti bħaż-żraben awtentiċi tal-"Pike".
X'għandu jagħmel Oliver?!
-Jekk jixtri ż-żarbun mill-ħanut tal-"Pike", żgur li Oliver se jkollu ż-żarbun li ilu joħlom bih, u jaf li se jservi għal ħafna żmien u li se jżommlu saqajh sħan u xotti.
Xi nies joħolqu ż-żraben tagħhom u mbagħad iżidu t-tikketta taż-żarbun favorit ta' Oliver. Dan jagħmluh mingħajr il-permess tal-kumpanija "Pike"...Dan jissejjaħ kontrafazzjoni.
Dawn il-kumpaniji li jużaw "ditti foloz" normalment ma jħallsux taxxi. U Oliver għandu jkun jaf li dawn il-prodotti foloz xi kultant jistgħu jaqgħu biċċiet meta tipprova tużahom - jew saħansitra jkunu perikolużi.
Nixtieq insir naf aktar dwar it-taxxa!
Staqsi lill-ġenituri tiegħek dwar liema taxxi jħallsu u dwar x'jaħsbu dwarhom. Identifika attivitajiet jew postijiet li ġew imħallsa bis-saħħa tat-taxxa.
Liem organizzazzjoni tiġbor il-flus mit-taxxa f'pajjiżek?
Fittex fuq l-internet biex tiskopri. Fittex xi taxxi mhux tas-soltu tal-imgħoddi u tal-preżent minn pajjiżi differenti!